Insellem b’mod partikolari lill-ġurnalisti u lir-rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir f’pajjiżna, lill-kollegi Membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, kif ukoll lill-kollegi tal-Parlament.
Wara laqgħa li kelli ftit tal-ġimgħat ilu mal-Kunsill il-ġdid tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, nibtet l-idea li nlaqqgħu flimkien lill-ġurnalisti u lill-Membri Parlamentari. Hija x-xewqa tiegħi bħala Speaker li dan ma jkunx avveniment ta’ darba, iżda li jkollna aktar opportunitajiet fejn niltaqgħu, nitkellmu u, fuq kollox, nifhmu aħjar ix-xogħol ta’ xulxin.
Il-politika u l-ġurnaliżmu għandhom rwoli distinti, iżda t-tnejn għandhom responsabbiltà kbira lejn iċ-ċittadin u lejn id-demokrazija tagħna.
Qegħdin ngħixu f’dinja fejn l-informazzjoni tasal għandna kontinwament u minn kullimkien. Aktar minn qatt qabel irridu nistaqsu: din l-informazzjoni hija vera jew iġġenerata jew manipulata bl-intelliġenza artifiċjali? Il-midja soċjali tat vuċi lil kulħadd. Kulħadd jista’ jippubblika u jwassal informazzjoni lil eluf ta’ nies fi ftit sekondi.
Imma mhux kull min ixerred l-informazzjoni huwa ġurnalist.
Huwa proprju għalhekk li l-ġurnaliżmu professjonali sar aktar importanti.
Il-ġurnalist għandu responsabbiltà li jivverifika, ifittex il-fatti, jagħti l-kuntest u jiddistingwi bejn fatt u opinjoni. Għandu jwarrab l-informazzjoni fabbrikata u s-sensazzjonaliżmu. Dan ma jfissirx li ġurnalist m’għandux ikollu storja tajba li tqajjem interess u toħloq sensazzjoni.
U għandu jistaqsi l-mistoqsijiet id-diffiċli.
Il-ġurnalist għandu jkollu l-libertà li jistaqsi, jinvestiga u jfittex it-tweġibiet, anke meta dawn il-mistoqsijiet ikunu skomdi għal min għandu xi forma ta’ poter. Għandu jħares lil hinn minn dak li jidher mal-ewwel daqqa t’għajn, dejjem b’etika, b’responsabbiltà u b’rispett.
Min-naħa tiegħu, il-politiku m’għandux iqis lill-ġurnalist li jistaqsi mistoqsija diffiċli bħala għadu, iżda għandu jirrispetta l-irwol tiegħu li jistaqsi u li jfittex il-fatti.
Mistoqsija diffiċli mhux attakk. Il-kritika ma toħloqx għedewwa. Fl-aħħar mill-aħħar, l-iskrutinju huwa parti essenzjali minn demokrazija ħajja.
Ir-relazzjoni bejn il-politiku u l-ġurnalist għalhekk għandha tkun waħda professjonali, mibnija fuq ir-rispett lejn l-irwoli ta’ xulxin.
Meta nitkellmu dwar il-ġurnaliżmu, irridu niftakru wkoll f’dawk li jpoġġu ħajjithom f’riskju biex iwasslulna dak li jkun qed iseħħ.
Dan qed narawh b’mod qawwi fil-kunflitti li għaddejjin madwarna. Fil-kunflitt f’Gaza, skont statistika internazzjonali mill-inqas 240 ġurnalist u ħaddiem tal-midja tilfu ħajjithom minn Ottubru tal-2023.
Rajna wkoll ġurnalisti jitilfu ħajjithom waqt il-gwerra fl-Ukrajna, u oħrajn f’kunflitti madwar id-dinja.
Wara kull numru hemm persuna, familja u storja. Il-ġurnalisti f’żoni ta’ kunflitt għandhom ikunu protetti, għax meta ma jkunux jistgħu jagħmlu xogħolhom b’mod sigur, tkun qed tintilef ukoll il-possibbiltà li d-dinja tkun taf x’qed jiġri.
U m’għandniex għalfejn inħarsu biss lil hinn minn xtutna.
F’pajjiżna stess, kważi disa’ snin ilu, inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dak li seħħ ħasad u xxokkja lil Malta. Personalment, qatt ma stennejt li xi ħaġa bħal din ser tiġri f’pajjiżna.
Iċ-ċirkostanzi jistgħu jkunu differenti, iżda l-prinċipju jibqa’ wieħed: ġurnalist għandu jkun jista’ jistaqsi, jinvestiga u jirrapporta mingħajr biża’.
Bħal f’tant każijiet oħra li għadhom jistennew li l-proċess tal-ġustizzja jasal fi tmiemu, ix-xewqa għandha tkun li ssir ġustizzja sħiħa, li l-verità toħroġ u li kull min għandu jwieġeb għal għemilu jagħmel dan skont il-liġi.
Ġustizzja hija meħtieġa, l-ewwel u qabel kollox, għall-familjari tagħha, għall-ġurnalisti li llum qed iwettqu ħidmiethom, għas-soċjetà inġenerali u, fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, għal Malta għażiża tagħna.
Għalhekk għandna bżonn istituzzjonijiet b’saħħithom li jitħallew jagħmlu xogħolhom b’indipendenza u skont is-saltna tad-dritt. Irridu li nafdaw u nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu tabilħaqq u mingħajr xi pressjoni żejda u mhux bżonjuża, ġejja minn fejn ġejja din il-pressjoni.
Ftit jiem qabel jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament, nagħmel appell lilkom il-ġurnalisti biex issegwu l-ħidma kollha li ssir hawn ġew — kemm fil-plenarja, fil-Kumitati Permanenti u fil-qasam tad-diplomazija parlamentari.
Aktar mal-ħidma tal-Parlament tasal għand il-pubbliku, aktar inkunu qed inressqu din l-istituzzjoni lejn iċ-ċittadin. Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-Parlament huwa l-istituzzjoni li tirrappreżenta lill-poplu u fejn il-vuċi tiegħu tingħata espressjoni demokratika.
U għandi appell ukoll lill-kollegi Membri Parlamentari. Jekk nistennew rispett lejn il-Parlament minn barra, irridu nibdew billi nuru dak ir-rispett aħna stess minn ġewwa.
Id-dibattitu jista’ jkun b’saħħtu u d-differenzi jistgħu jkunu kbar. Imma d-differenza fl-opinjoni qatt m’għandha tkun skuża għan-nuqqas ta’ rispett.
U dan jgħodd ukoll għad-dibattitu pubbliku b’mod ġenerali. Għandna kull dritt nikkritikaw l-ideat, l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ xulxin, iżda hemm differenza bejn kritika iebsa u attakk personali. Nistgħu ma naqblux, nistaqsu mistoqsijiet diffiċli u nżommu lil xulxin responsabbli, mingħajr ma nattakkaw lill-persuna. Ir-rispett ma jdgħajjifx il-kritika; jagħmilha aktar kredibbli.
Parlament b’saħħtu għandu bżonn Membri li jirrispettawh. Demokrazija b’saħħitha għandha bżonn ġurnalisti li jistaqsu. U pajjiż b’saħħtu għandu bżonn lit-tnejn.
Għalhekk napprezza li llum qegħdin hawn flimkien. Mhux għax dejjem se naqblu — u lanqas għandna — iżda biex nifhmu u nirrispettaw aħjar ir-rwoli ta’ xulxin u, fl-aħħar mill-aħħar, naqdu aħjar liċ-ċittadin.
Nirringrazzjakom ilkoll talli lqajtu l-istedina tagħna.
Issa huwa ta’ pjaċir għalija nistieden lill-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, is-Sinjura Nicole Meilak, biex twassal il-messaġġ tagħha.